Navigation Path: Home > Press > Press releases > Weekly financial statements > 2007 > 4 ta' Jannar 2007
Fil-ġimgħa li ntemmet fid-29 ta’ Diċembru 2006, iż-żieda ta’ EUR 2.8 biljun f’deheb u ammonti riċevibbli f’deheb (il-partita nru. 1 ta’ l-attiv) irriflettiet l-aktar l-aġġustamenti ta’ rivalutazzjoni ta’ kull tliet xhur. Movimenti oħra matul il-ġimgħa rriżultaw fi żieda netta ta’ EUR 36 miljun. Dan seħħ l-aktar minħabba r-raffinament, min-naħa ta’ bank ċentrali ta’ l-Eurosistema, tad-deheb li ġie mid-disponibbiltà ta’ muniti f’riżervi ta’ deheb fin, li ħoloq moviment fil-kontabbiltà bejn din il-partita fl-attiv u attiv ieħor (partita ta’ l-attiv numru 9). Dan il-moviment aktar milli kkumpensa l-bejgħ ta’ l-ekwivalenti ta’ EUR 19 miljun ta’ deheb minn bank ċentrali ta’ l-Eurosistema ieħor (li kien konsistenti mas-Central Bank Gold Agreement, ftehim fuq id-deheb bejn il-banek ċentrali, tas-27 ta’Settembru 2004).
Il-pożizzjoni netta ta’ l-Eurosistema f’valuta barranija (il-partiti nri. 2 u 3 ta’ l-attiv minbarra l-partiti nri. 7, 8 u 9 tal-passiv) naqset b’EUR 4.8 biljun għal EUR 147.4 biljun l-aktar minħabba r-rivalutazzjoni ta’ kull tliet xhur ta’ l-attiv u l-passiv. It-tranżazzjonijiet tal-klijenti u tal-portofoll fil-perjodu kkunsidrat irriżultaw fi tnaqqis ta’ EUR 0.1 biljun.
L-investimenti ta’ l-Eurosistema ta’ titoli negozjabbli tar-residenti taż-żona ta’ l-euro u denominati f’euro (il-partita nru. 7 ta’ l-attiv) naqsu b’EUR 0.4 biljun għal-EUR 77.6 biljun kemm minħabba tranżazzjonijiet kif ukoll aġġustamenti ta’ rivalutazzjoni. Il-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni (il-partita nru. 1 tal-passiv) naqsu b’EUR 0.2 biljun għal EUR 628.2 biljun. L-obbligazzjonijiet lejn l-amministrazzjoni pubblika (il-partita nru. 5.1 tal-passiv) żdiedu b’EUR 13-il biljun għal EUR 45.2 biljun.
Is-self nett ta’ l-Eurosistema lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu (il-partita nru. 5 ta’ l-attiv minbarra l-partiti nri. 2.2, 2.3, 2.4, 2.5 u 4) żdied b’EUR 8.5 biljun għal EUR 450 biljun. Nhar il-Ħamis, it-28 ta’ Diċembru 2006, immaturat operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament ta’ EUR 321.5 biljun u ġiet regolata waħda ġdida ta’ EUR 330.5 biljun.
Ir-rikors għall-faċilità ta’ self marġinali (il-partita nru. 5.5 ta’ l-attiv) kien ta’ EUR 0.1 biljun (imqabbel ma’ bejn wieħed u ieħor xejn tal-ġimgħa ta’ qabel), waqt li r-rikors għall-faċilità ta’ depożitu (il-partita nru. 2.2 tal-passiv) kien ta’ EUR 0.6 biljun (ipparagunat ukoll ma’ bejn wieħed u ieħor xejn tal-ġimgħa ta’ qabel).
Minħabba t-tranżazzjonijiet kollha, il-pożizzjoni tal-kont kurrenti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom ma’ l-Eurosistema (il-partita nru. 2.1 tal-passiv) naqqset minn EUR 3.7 biljun għal EUR 173.5 biljun.
Skond ir-regoli ta’ kontabbiltà armonizzati ta’ l-Eurosistema, id-deheb, il-kambju barrani, l-investimenti fit-titoli u l-istrumenti finanzjarji ta’ l-Eurosistema jiġu rivalutati bir-rati u l-prezzijiet tas-suq fl-aħħar ta’ kull tliet xhur. L-impatt nett tar-rivalutazzjoni f’kull partita tal-karta tal-bilanċ fid-29 ta’ Diċembru 2006 jidher fil-kolonna addizzjonali bl-intestatura "Differenza pparagunata mal-ġimgħa ta’ qabel minħabba rivalutazzjonijiet”. Il-prezz tad-deheb u r-rati tal-kambju ewlenin użati għar-rivalutazzjoni tal-bilanċi kienu:
Deheb: EUR 482.688 kull uqija fin.
USD: 1.3170 kull EUR
JPY: 156.93 kull EUR
Drittijiet speċjali ta’ ġbid: EUR 1.1416 kull SDR
Banka Slovenije daħal fl-Eurosistema fl-1 ta’ Jannar 2007. Il-BĊE għalhekk ser jippubblika stqarrija finanzjarja tal-bidu konsolidata ta’ l-Eurosistema fl-1 ta’Jannar 2007, flimkien ma’ stqarrija finanzjarja ta’ kull ġimgħa konsolidata li jmiss fid-9 ta’Jannar 2007.
|
|
Ir-riproduzzjoni hi permessa bil-patt illi tiġi rikonoxxuta din l-istqarrija.
lura għall-bidu